You are here

L-Istorja ta' Napo

L-oriġini ta’ Napo

Napo hija idea oriġinali mfassla minn grupp żgħir ta’ professjonisti tal-komunikazzjoni tal-OHS bħala risposta għall-ħtieġa ta’ prodotti tal-informazzjoni ta’ kwalità għolja biex jitwaqqgħu fruntieri nazzjonali u jiġu indirizzati kulturi differenti, lingwi u ħtiġijiet prattiċi ta’ nies fuq ix-xogħol. Il-films mhumiex maħsuba biex jipprovdu rapport komprensiv ta’ suġġett, lanqas ma għandhom jitqiesu bħala films għat-taħriġ jew għat-tagħlim. L-irwol ta’ Napo u sħabu huwa li jipprovdu togħma tal-OHS permezz tal-karattri simpatiċi tagħhom, stejjer divertenti, u l-approċċ umoristiku u pjaċevoli tagħhom. “Sigurtà bi tbissima” huwa l-kontribut ta’ Napo għal postijiet tax-xogħol aktar siguri, iktar sani u aħjar. Kull film huwa koprodott minn għadd ta’ Istituzzjonijiet Ewropej. L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao, Spanja iffinanzjat l-iżvilupp tal-websajt.

Sfond

Il-Konsorzju tal-Film - HSE (ir-Renju Unit); DGUV (il-Ġermanja); INAIL (l-Italja); INRS (Franza); SUVA (l-Iżvizzera); u, AUVA (l-Awstrija) – ħareġ mis-Sena Ewropea tas-Saħħa u s-Sigurtà 1992/3, u mill-Festival Ewropew tal-Films li sar f’Thessaloniki fl-1992.

Il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat Festivals tal-Films bil-fehma li kien possibbli li taddatta l-aħjar vidjows għall-użu fl-Unjoni Ewropea. Dan instab li kien diffiċli. Ħafna films huma magħmulin minn kumpaniji ta’ produzzjoni kummerċjali li mhumiex lesti jċedu d-drittijiet tagħhom. Differenzi kulturali jfissru li immaġni, stejjer u ‘d-dehra u s-sensazzjoni’ jagħmluha diffiċli biex films jiġu addatti u ttrasferuti bejn fruntieri nazzjonali.

B’riżultat ta’ dan, il-Konsorzju iltaqa’ biex jiddiskuti modi li bihom ikun possibbli li jiġu kkummissjonati u prodotti vidjows sabiex jintużaw madwar l-Ewropa. Il-Konsorzju huwa bbażat fuq l-interess personali u l-kontribut ta’ individwi, u mhux fuq xi bażi istituzzjonali.

It-tim tal-kreattività

Il-films ta' Napo jinkitbu u jiġu diretti minn Eric Scandella għal Via Storia.

L-animazzjoni 3D hija prodotta minn Fabrice Barbey għal Protozoaire.

Il-mużika oriġinali hija kkomponuta minn Henri Muller.

It-twelid ta’ Napo

Il-Grupp fassal proposta, speċifikazzjoni u Sejħa għall-Offerti għall-produzzjoni ta’ vidjow dwar sinjali tas-sigurtà, u identifika żewġ kumpaniji ta’ produzzjoni minn pajjiżhom stess li ġew mistiedna jressqu trattament. Via Storia, kumpanija Franċiża minn Strasburgu, rebħet il-kuntratt. Napo twieled!

L-ewwel vidjow, Best Signs Story, (Storja tal-Aħjar Sinjali), deher fil-Festival tal-Films tal-UE f’Edinburgu fl-1998, u rebaħ premijiet fil-Kungress Dinji f’Sao Paulo fl-1999, u f’festivals tal-films nazzjonali fi Franza u fil-Ġermanja.

Fl-2003, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao uriet interess fit-tielet vidjow biex tappoġġja l-Ġimgħa Ewropea u t-tema tagħha ta’ Sustanzi Perikolużi. Intlaħaq ftehim mal-Konsorzju sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tipprovdi kopji oriġinali tal-vidjow lill-Istati Membri kollha, pajjiżi kandidati u tal-EFTA b’dispożizzjonijiet ċari dwar użu mhux esklussiv, drittijiet u spejjeż. Din il-kollaborazzjoni tkompliet.