L-oriġini ta’ Napo
Napo hija idea oriġinali mfassla minn grupp żgħir ta’ professjonisti tal-komunikazzjoni tal-OHS bħala risposta għall-ħtieġa ta’ prodotti tal-informazzjoni ta’ kwalità għolja biex jitwaqqgħu fruntieri nazzjonali u jiġu indirizzati kulturi differenti, lingwi u ħtiġijiet prattiċi ta’ nies fuq ix-xogħol. Il-films mhumiex maħsuba biex jipprovdu rapport komprensiv ta’ suġġett, lanqas ma għandhom jitqiesu bħala films għat-taħriġ jew għat-tagħlim. L-irwol ta’ Napo u sħabu huwa li jipprovdu togħma tal-OHS permezz tal-karattri simpatiċi tagħhom, stejjer divertenti, u l-approċċ umoristiku u pjaċevoli tagħhom. “Sigurtà bi tbissima” huwa l-kontribut ta’ Napo għal postijiet tax-xogħol aktar siguri, iktar sani u aħjar. Kull film huwa koprodott minn għadd ta’ Istituzzjonijiet Ewropej. L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao, Spanja iffinanzjat l-iżvilupp tal-websajt.
Sfond
Il-Konsorzju tal-Films ta’ NAPO feġġ mis-Sena Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa 1992/93, u l-Festivals Ewropej tal-Films organizzati mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni appoġġjat il-Festivals tal-Films għaliex emmnet li kien possibbli li tidentifika u li tadatta l-aħjar films għall-użu madwar l-Unjoni Ewropea. Dan kien diffiċli. Ħafna films saru minn kumpaniji tal-produzzjoni kummerċjali li ma kinux lesti jirrinunzjaw id-drittijiet tagħhom. Differenzi kulturali fissru li immaġnijiet, stejjer u d-“dehra u s-sensazzjoni” għamluha diffiċli li l-films jiġu adattati u ttrasferiti bejn fruntiera nazzjonali u oħra.
Wara l-Festival tal-Films fi Strasburgu fl-1995, erba’ professjonisti tal-komunikazzjoni minn Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, iltaqgħu biex jiddiskutu modi kif jista’ jkun possibbli li wieħed jikkummissjona u jipproduċi film għall-użu madwar l-Ewropa.
Il-Konsorzju ta’ Napo bħalissa huwa magħmul minn tmien membri - l-AUVA (l-Awstrija); is-CIOP (il-Polonja); id-DGUV (il-Ġermanja); l-EU-OSHA (Bilbao, Spanja); l-INAIL (l-Italja); l-INRS (Franza); is-SUVA (l-Iżvizzera); u, t-TNO (in-Netherlands).
It-tim tal-kreattività
Il-films ta' Napo jinkitbu u jiġu diretti minn Eric Scandella għal Via Storia.
L-animazzjoni 3D hija prodotta minn Fabrice Barbey għal Protozoaire.
Il-mużika oriġinali hija kkomponuta minn Henri Muller.
It-twelid ta’ Napo
Il-Grupp fassal proposta, speċifikazzjoni u Sejħa għall-Offerti għall-produzzjoni ta’ vidjow dwar sinjali tas-sigurtà, u identifika żewġ kumpaniji ta’ produzzjoni minn pajjiżhom stess li ġew mistiedna jressqu trattament. Via Storia, kumpanija Franċiża minn Strasburgu, rebħet il-kuntratt. Napo twieled!
L-ewwel vidjow, Best Signs Story, (Storja tal-Aħjar Sinjali), deher fil-Festival tal-Films tal-UE f’Edinburgu fl-1998, u rebaħ premijiet fil-Kungress Dinji f’Sao Paulo fl-1999, u f’festivals tal-films nazzjonali fi Franza u fil-Ġermanja.
Fl-2003, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao uriet interess fit-tielet vidjow biex tappoġġja l-Ġimgħa Ewropea u t-tema tagħha ta’ Sustanzi Perikolużi. Intlaħaq ftehim mal-Konsorzju sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tipprovdi kopji oriġinali tal-vidjow lill-Istati Membri kollha, pajjiżi kandidati u tal-EFTA b’dispożizzjonijiet ċari dwar użu mhux esklussiv, drittijiet u spejjeż. Din il-kollaborazzjoni tkompliet.